Il-Jiem ta’ Azzjoni Favur l-Iżvilupp Sostenibbli 2024: Insawru flimkien il-futur li rridu huma parti mill-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli (ESDW). Din hija ġimgħa ta’ avvenimenti, attivitajiet u proġetti madwar l-Ewropa li huma mmirati biex jippromwovu u jżidu l-għarfien dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) mal-pubbliku inġenerali.
L-ESDW tikkontribwixxi għall-Aġenda 2030 billi tqanqal l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet li huma relatati mal-SDGs b’approċċ minn isfel għal fuq, fejn il-pubbliku jkun involut b’mod attiv. Għalhekk l-ESDW għandha l-għan li tqajjem kuxjenza dwar l-Aġenda 2030 madwar l-Ewropa u f’dan ir-rigward tħeġġeġ l-involviment tal-partijiet interessati fuq livell lokali sabiex jimpenjaw ruħhom b’mod attiv f’dak li għandu x’jaqsam ma’ żvilupp sostenibbli, b’mod ġenerali, u l-SDGs, b’mod partikolari.
Malta pparteċipat f’din l-inizjattiva għall-ewwel darba fl-2018. Minn dakinhar ’l hawn ġew organizzati b’suċċess numru ta’ avvenimenti kull sena matul l-ESDW. Il-ħsieb huwa li nkomplu nipparteċipaw fis-snin li ġejjin u pajjiżna jingħaqad ma’ pajjiżi oħra Ewropej fl-organizzazzjoni ta’ avvenimenti li jqajmu kuxjenza dwar l-iżvilupp sostenibbli u l-SDGs