Il-Gwardjan ta’
L-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, Kap. 521 jistabbilixxi l-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri bl-għan li jiġi ssalvagwardjat l-iżvilupp sostenibbli interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali f’Malta.
Wara l-emenda bl-Att Nru I tal-2019, il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni ġiet emendata biex l-organizzazzjonijiet volontarji kollha jintgħarfu bħala kontribwenti għall-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat ukoll ir-rikonoxximent dovut tad-dimensjoni ambjentali bħala t-tielet pilastru tal-iżvilupp sostenibbli.
Viżjoni
Il-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri jfittex li jippromwovi, u jinċentiva policies u ideat li jippermettu liċ-ċittadini kollha Maltin u Għawdxin, inkluż dawk ta’ ġenerazzjonijiet futuri, irrispettivament mir-razza, ġeneru u sfond soċjali, sabiex ikollhom id-dritt li jgħixu f’pajjiż li jipprovdihom bl-aqwa eżiti għall-benesseri tagħhom, u fl-istess waqt, li jkollhom ambjent fejn jistgħu jiksbu s-suċċess u jirnexxu.
Missjoni
Il-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri, kif stabbilit fl-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, Kapitolu 521 tal-Liġijiet ta’ Malta, ifittex li jiżgura eżiti b’saħħithom għaċ-ċittadini kollha f’Malta u Għawdex permezz tal-implimentazzjoni ta’ politiki effettivi, sistemi aktar b’saħħithom u prattiki innovattivi li jippromwovu s-saħħa, prosperità u benesseri għal kulħadd, kif ukoll soċjetà reżiljenti.
Il-missjoni tal-Gwardjan għandha, għalhekk, tkun dik li tissodisfa lir-rwol kif definit permezz tal-leġiżlazzjoni u skont il-valuri fundamentali msemmija iktar ’l isfel li fuqhom huwa bbażat il-proċess strateġiku tiegħu sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp sostenibbli permezz ta’ kollaborazzjonijiet kif ukoll rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq ir-riċerka.
Strateġija
L-istrateġija tal-Gwardjan hija li jidentifika, jappoġġja u jippromwovi d-drittijiet u l-benesseri tas-soċjetà li jwasslu għall-bidla sostenibbli, u dan filwaqt illi jimxi id f’id ma’ istituzzjonijiet akkademiċi, gruppi li għandhom l-istess għan, leġislaturi, kif ukoll entitajiet governattivi.
Il-Proċess Strateġiku (2023 – 2026)
- Tinħoloq sistema ta’ valuri, liema sistema tkun ispirata mill-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli ppubblikati mill-Ġnus Magħquda*.
- Jitħejjew studji magħmula fuq ir-rakkomandazzjonijiet, li jkunu bbażati fuq ir-riċerka.
- Ikun hemm parteċipazzjoni fl-attivitajiet komunitarji.
Il-Prijoritajiet Imħaddna fil-Viżjoni Strateġika
L-istrateġija tal-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri hija prinċipalment ispirata minn l-Għan Numru 11, Bliet u Komunitajiet Sostenibbli, liema Għan jiżgura li l-bliet u l-irħula jkunu inklussivi, sikuri, reżiljenti u sostenibbli. L-oqsma ta’ prijorità jinkludu:
- L-użu ta’ bini u siti eżistenti;
- Il-ħolqien ta’ ideat u kunċetti fir-rigward ta’ postijiet pubbliċi, ibbażati fuq ir-realtajiet soċjali, bħal pereżempju, żoni pedonali u toroq sikuri, fl-istess waqt illi jittieħdu in konsiderazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-minoritajiet u partijiet ikkonċernati oħrajn;
- L-iżvilupp ta’ komunitajiet permezz ta’ proġetti li jqiegħdu l-interessi tal-persuna, bħas-saħħa u l-benesseri, fiċ-ċentru;
- Il-promozzjoni tas-sigurtà fl-ambjent urban għal kulħadd.
Il-Valuri u s-Sistema Etika tal-Gwardjan
Il-valuri fundamentali tal-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri, huma ġustizzja, rispett, kontabbiltà, kollaborazzjoni, u azzjoni ekwa. Dawn il-valuri huma intenzjonati sabiex jirriflettu s-soċjetà li nixtiequ noħolqu u l-mod ta’ kif inħarsu lejn il-ħidma tagħna. Aħna naspiraw li nipproteġu dawn il-valuri sabiex inħallu impatt pożittiv fuq is-soċjetà tagħna kif ukoll fuq is-sistemi, il-prattiċi u l-policies li jippromwovu d-drittijiet u l-benesseri tat-tfal, adulti, kif ukoll minoritajiet.
Valuri Fundamentali
Il-Ġustizzja
Il-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri jaspira li jikkunsidra d-drittijiet umani fit-twettiq tal-ħidma tiegħu sabiex xi darba, is-soċjetà tagħna tkun waħda iktar ġusta u f’armonija, fejn il-benesseri ta’ kulħadd ikunu dejjem protetti. Il-Gwardjan jirrikonoxxi li l-inġustizzja hija minnha nnifisha esperjenza diffiċli.
L-Għaqda Soċjali
Il-punt tat-tluq huwa illi jintwera rispett bejn il-membri fi ħdan il-Gwardjan u dawk li jaħdmu id f’id miegħu. Il-prinċipju tal-Gwardjan fir-rigward tat-trawwim tal-għaqda soċjali fi ħdan il-komunitajiet diversi tagħna jimmira li jibni u jsostni ambjent li jiffjorixxi.
Il-Kontabbilità
Fil-proġetti tiegħu, il-Gwardjan jaspira li jipproteġi rabtiet soċjali u relazzjonijiet eżistenti billi jipprovdi għodod u mezzi sabiex isir dan lill-komunitajiet diversi. L-irwoli ta’ kontabbiltà u prevenzjoni huma ċentrali, filwaqt li jikkumplimentaw l-Għan Numru 11, li jimmira li jrawwem proċessi trasparenti waqt it-teħid ta’ deċiżjonijiet, inklussività u reżiljenza.
Il-Kollaborazzjoni
Il-kollaborazzjonijiet huma ferm importanti għall-Gwardjan u dan sabiex jinkiseb is-sens ta’ għaqda soċjali billi jinvolvi aġenziji pubbliċi, il-policy makers, riċerkaturi, organizzazzjonijiet volontarji sabiex jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet f’rigward it-titjib tal-benesseri tal-kommunitajiet diversi f’pajjiżna.
L-Azzjoni Ekwa
Il-Gwardjan jaħdem sabiex jieħu l-azzjonijiet neċessarji bl-għan li jsir żvilupp aħjar fis-sistemi u l-policies ta’ pajjiżna li jolqtu lil kulħadd, inkluż il-ġenerazzjonijiet futuri. Il-Gwardjan jemmen li tali azzjonijiet jistgħu jgħinu jnaqqsu l-inugwaljanza u l-inġustizzja u fl-istess waqt jingħataw iktar opportunitajiet lit-tfal u l-familji tagħhom, adulti u minoritajiet.
Membri tal-Bord
| Chairperson | Dr Rachael Marie Scicluna |
| Membri | Ms Natalia Bezzina Dr Ian Ellul Ms Michela Scalpello Ms Mariella Schembri |
| Segretarja | Dr Tiffany Ann Attard |
Il-Proġetti tal-Gwardjan ta’
Ġenerazzjonijiet Futuri
Il-proġett Our Spaces, Our Communities – Healthy, Secure and Playful Together
(L-Ispazji Tagħna, il-Komunitajiet Tagħna – Flimkien b’Saħħitna, Siguri u Ferriħin)
Il-proġett ‘Our Spaces, Our Communities – Healthy, Secure and Playful Together’ tmexxa mill-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri, taħt it-tmexxija taċ-Chairperson Dr Rachael Marie Scicluna, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u t-Tindif Pubbliku u l-Fondazzjoni Gabriel Caruana.
L-għan tal-inizjattiva huwa li jinħolqu flimkien spazji urbani vibranti, b’saħħithom, ferriħin u siguri li jkunu ta’ benefiċċju għar-residenti kollha, u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-lokalitajiet taż-Żurrieq, Ħal Safi u Ħal Kirkop. Ir-riċerka, li saret bejn l-2024 u l-2026 f’dawn il-lokalitajiet, involviet aktar minn 200 parteċipant t’etajiet differenti u esplorat kif il-komunitajiet differenti jħarsu lejn l-ambjent urban u naturali tagħhom. Dan il-proċess ifittex li jinvolvi l-komunitajiet fid-disinn ta’ żoni residenzjali aktar sostenibbli li jippromwovu l-benesseri u jgħinu biex jitnaqqsu d-differenzi fis-saħħa.
Il-proġett enfasizza l-valur soċjali tal-infrastruttura, ippromwova l-ugwaljanza fis-saħħa, u ħeġġeġ il-bini tal-komunità billi integra n-natura fid-disinn ta’ spazji aktar konnessi u inklużivi. Permezz ta’ djalogu kontinwu mal-kunsilli lokali u partijiet interessati ewlenin, dan il-proġett offra wkoll għarfien siewi għal min jippjana, l-iżviluppaturi u dawk li jfasslu l-politika li għandhom l-għan li jħarsu l-benesseri tar-residenti. B’hekk dan il-proġett ikkontribwixxa direttament għall-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 11: Bliet u Komunitajiet Sostenibbli.
Il-programm temm il-fażi ta’ riċerka tiegħu permezz ta’ wirja itineranti vibranti ibbażata fuq l-ilħna u l-kreattività tal-komunitajiet lokali. Bil-preżenza ta’ strutturi modulari, illustrazzjonijiet, ritratti, posters u xogħol bit-tafal żviluppat permezz ta’ proċess parteċipattiv ibbażat fuq l-arti, il-wirja esplorat kif spazji pubbliċi aktar siguri u aktar ħodor jistgħu jtejbu l-ħajja ta’ kuljum, partikolarment mill-perspettiva tat-tfal u taż-żgħażagħ.
Dan immarka pass importanti u wara dan sar workshop kollaborattiv li laqqa’ flimkien lill-kontributuri biex jaqsmu t-tagħlim ma’ xulxin u jżommu l-momentum ħaj.
X’ġie wara?
Il-Gwardjan ippubblika dokument ta’ politika bbażat fuq evidenza soda u esperjenzi reali, li jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet ċari u li jistgħu jitwettqu, li jirriflettu l-bżonnijiet ta’ kulħadd, biex ħadd ma jitħalla lura.
L-inizjattiva Reimagining the Urban from an Ageing Perspective
(Nimmaġinaw mill-Ġdid l-Ispazju Urban minn Perspettiva ta’ Popolazzjoni li qed Tixjieħ)
L-inizjattiva Reimagining the Urban from an Ageing Perspective hija inizjattiva kollaborattiva bejn FSWS-ACTS u l-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri li tfittex li tagħti mill-ġdid rwol attiv lill-persuni anzjani fit-tiswir tal-ħajja urbana. Permezz ta’ sensiela ta’ workshops kreattivi bbażati fil-komunità, li jsiru f’postijiet lokali familjari, il-proġett se jesplora l-esperjenzi tal-adulti anzjani tal-ambjent mibni tal-passat, tal-preżent u tal-futur.
L-attivitajiet jinkludu riflessjoni fuq inħawi storiċi permezz ta’ ritratti antiki, dokumentazzjoni tar-realtajiet attwali u x-xewqat permezz ta’ fotografija mmexxija mill-parteċipanti, u l-ħolqien flimkien ta’ kunċetti immaġinattivi t’għamara urbana, possibilment b’input interġenerazzjonali. Dawn l-attivitajiet se jikkontribwixxu għal kronoloġija viżiva li turi kif evolvew l-ispazji urbani u kif jistgħu jsiru aktar adattati għall-persuni anzjani. Appoġġjat minn artist intern li se jiddokumenta l-proċess, il-proġett se jipproduċi riżultati prattiċi bħal rakkomandazzjonijiet, infografiċi, u materjal viżiv.
Is-sejbiet se jinqasmu ma’ partijiet interessati ewlenin inklużi kunsilli lokali u entitajiet nazzjonali u jixxandru pubblikament permezz tal-midja soċjali u l-istampa biex jinkoraġġixxu djalogu usa’ dwar disinn urban inklużiv.
Il-proġett The Voices of Our Young Generation
(L-Ilħna tal-Ġenerazzjoni Żagħżugħa Tagħna)
Il-proġett The Voices of Our Young Generation huwa proġett kollaborattiv bejn Caritas Malta u l-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri li għandu l-għan li jerġa’ jinvolvi lill-istudenti li pparteċipaw fl-inizjattiva Caritasfest 2023/24 ‘Choose to be the Change’ (Agħżel li tkun int il-Bidla).
Permezz ta’ taħlita ta’ stħarriġ u focus groups fl-iskejjel, il-proġett se jesplora kif evolvew il-perspettivi tal-istudenti matul dawn l-aħħar sentejn, filwaqt li jivvaluta l-impatt fit-tul tal-inizjattiva. Se jipprovdi liż-żgħażagħ bi pjattaforma sinifikanti biex jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar il-progress ta’ Malta, ir-rwol tal-ilħna tat-tfal fis-soċjetà, u l-prijoritajiet għall-futur.
Is-sejbiet, kemm kwalitattivi kif ukoll kwantitattivi, se jinġabru f’rapport komprensiv, flimkien ma’ rakkomandazzjonijiet ta’ politika mfassla biex isaħħu l-parteċipazzjoni tat-tfal fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-proġett se jinkludi wkoll żewġ avvenimenti ċċentrati fuq it-tfal biex jippreżenta r-riżultati u joħloq rakkomandazzjonijiet flimkien mal-istudenti.
