Premju għall-Impatt
Dan il-premju huwa maħsub biex jirrikonoxxi inizjattivi jew innovazzjoni implimentati minn kumpaniji privati biex jikkontribwixxu għall-prinċipji ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), u joħolqu bidla pożittiva sinifikanti u li tista’ titkejjel fil-komunitajiet tagħhom u lil hinn. L-applikanti taħt din il-kategorija jistgħu jikkunsidraw:
- Sforzi ta’ mudelli ta’ negozju sostenibbli li huma innovattivi u kreattivi.
- Sforzi biex jispiraw kumpaniji oħra permezz ta’ mudelli ta’ żvilupp sostenibbli.
- Sforzi biex il-kumpanija tikber b’mod sostenibbli filwaqt li jinżammu f’moħħhom il-prinċipji ESG.
- Sforzi biex jinżamm l-aspett sostenibbli minkejja r-riżorsi limitati.
- Sforzi ta’ politiki inklużivi u ġusti li jiżguraw is-saħħa u l-benesseri tal-impjegati. Dan jinkludi wkoll it-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema biex jiġi żgurat l-iżvilupp kontinwu tagħhom.
- Sforzi biex jinbnew komunitajiet sostenibbli permezz tas-servizzi u l-prodotti tal-kumpanija.
- Sforzi biex titnaqqas b’mod sinifikanti l-impronta tal-karbonju tal-kumpanija permezz ta’ investiment finanzjarju f’inizjattivi ekoloġiċi.
- Kull sforz ieħor ta’ negozji li inkorporaw is-sostenibbiltà fil-qalba tal-operat u l-istrateġiji tagħhom.
Kriterji Speċifiċi tal-Eliġibbiltà
Dan il-premju japplika speċifikament għal partijiet interessati li huma:
- Kumpanija privata rreġistrata lokalment
Is-sottomissjoni tista’ tinkludi proġett/inizzjattiva waħda jew diversi proġetti/inizzjattivi mwettqa mill-applikant matul il-perjodu eliġibbli (2024-2026).
Premjijiet
Dawk li jiġu fl-ewwel post se jingħataw trofew, filwaqt li dawk li jiġu fit-tieni u fit-tielet post se jingħataw tifkira kommemorattiva.
Kriterji tal-Evalwazzjoni
1. IMPATT (60%)
Impatt ta’ suċċess jinkludi riżultati li jistgħu jitkejlu fit-tibdil tal-imġiba tan-nies u l-perċezzjonijiet pubbliċi u/jew fl-influwenzar tal-politiki pubbliċi u/jew tal-allokazzjonijiet baġitarji biex jitħaffu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs)uIstrateġiji ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli.Impatt ta’ suċċess jindika wkoll titjib sinifikanti fil-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, is-saħħa, l-iżvilupp tal-kapaċità, l-inklużjoni, l-istabbiltà ekonomika, is-sigurtà tal-ikel, l-adattament u/jew il-mitigazzjoni tal-klima, il-protezzjoni ambjentali u/jew il-paċi.
2. NOVITÀ/INNOVAZZJONI TAL-APPROĊĊ (10%)
Kemm huwa innovattiv dan il-proġett/inizzjattiva? Kif jibni fuq idea innovattiva dan il-proġett/din l-inizjattiva?
3. SKALABBILTÀ/REPLIKABBILTÀ (15%)
Dan il-proġett/inizzjattiva kif għandu l-potenzjal li jiġi estiż u/jew replikat f’kuntesti oħra biex iħaffef il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs)uIstrateġiji ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli?Diġà ġie estiż u/jew replikat?
4. PJATTAFORMA ESG (5%)
Tingħata konsiderazzjoni lil dawk il-kumpaniji li huma rreġistrati fuq il-Pjattaforma ESGmeta jingħata l-premju.
5. VOT PUBBLIKU (10%)
Kull nominazzjoni magħżula fil-lista finali titpoġġa fuq il-midja soċjali u l-pubbliku jivvota għall-premju li jemmen li jistħoqqlu jirbaħ.









