Premju għall-Impatt
Inizjattivi li għamlu impatt soċjali pożittiv sostanzjali fuq komunitajiet lokali. L-applikanti taħt din il-kategorija jistgħu jikkunsidraw:
- Sforzi biex jissieħbu ma’ komunitajiet lokali billi jinvolvu partijiet interessati rilevanti bħal NGOs, għaqdiet lokali u gvern lokali eċċ.
- Sforzi biex jindirizzaw gruppi minoritarji u l-inugwaljanzi.
- Sforzi biex juru l-bidla fit-tul u dejjiema ta’ proġett bħal dan.
- Sforzi biex juru l-involviment dirett u attiv tal-komunitajiet affettwati matul dan il-proġett.
- Sforzi ta’ adattament biex jgħinu komunitajiet simili oħra.
- Sforzi biex jikkumbattu kwistjonijiet soċjali oħra.
- Kull sforz ieħor li tejjeb b’mod sinifikanti l-benesseri soċjali fuq livell lokali/fil-komunità.
Kriterji Speċifiċi tal-Eliġibbiltà
Dan il-premju japplika speċifikament għal partijiet interessati li huma:
- Organizzazzjonijiet Volontarji rreġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji
- Kunsilli Lokali u Reġjonali
Is-sottomissjonijiet għandhom jirrigwardaw proġett wieħed jew inizjattiva waħda definita b’mod ċar implimentata mill-applikant. Il-proġett sottomess jista’ jinkludi diversi attivitajiet, azzjonijiet jew avvenimenti, sakemm dawn ikunu ġew imwettqa bħala parti mill-istess proġett ġenerali u taħt titlu jew għan wieħed. L-applikazzjonijiet ma jistgħux jikkonsistu f’ġabra, sommarju jew portafoll ta’ proġetti mhux relatati jew tax-xogħol kollu mwettaq mill-applikant matul il-perjodu eliġibbli. Fejn applikant ikun wettaq diversi inizjattivi distinti, għandu jintgħażel u jiġi sottomess proġett speċifiku wieħed.
Premjijiet
Dawk li jiġu fl-ewwel post se jingħataw premju monetarju ta’ €2,000 u trofew. Dawk li jiġu fit-tieni u fit-tielet post se jingħataw tifkira kommemorattiva.
Sponsorjat minn:
Id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali
Kriterji tal-Evalwazzjoni
1. IMPATT (60%)
Impatt ta’ suċċess jinkludi riżultati li jistgħu jitkejlu fit-tibdil tal-imġiba tan-nies u l-perċezzjonijiet pubbliċi u/jew fl-influwenzar tal-politiki pubbliċi u/jew tal-allokazzjonijiet baġitarji biex jitħaffu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) u l-Istrateġiji ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli. Impatt ta’ suċċess jindika wkoll titjib sinifikanti fil-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u ambjentali, inkluż l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, is-saħħa, l-iżvilupp tal-kapaċità, l-inklużjoni, l-istabbiltà ekonomika, is-sigurtà tal-ikel, l-adattament u/jew il-mitigazzjoni tal-klima, il-protezzjoni ambjentali u/jew il-paċi.
2. NOVITÀ/INNOVAZZJONI TAL-APPROĊĊ (15%)
Kemm hu innovattiv dan il-proġett/l-inizjattiva? Kif jibni fuq idea innovattiva dan il-proġett/din l-inizjattiva?
3. SKALABBILTÀ/REPLIKABBILTÀ (15%)
Dan il-proġett/inizzjattiva kif għandu l-potenzjal li jiġi estiż u/jew replikat f’kuntesti oħra biex iħaffef il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDGs) u l-Istrateġiji ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli? Diġà ġie estiż u/jew replikat?
4. VOT PUBBLIKU (10%)
Kull nominazzjoni magħżula fil-lista finali titpoġġa fuq il-midja soċjali u l-pubbliku jivvota għall-premju li jemmen li jistħoqqlu jirbaħ.









