Premjijiet għall-Azzjoni favur
Dwar
il-Premjijiet
Il-Gvern Malti qed ikompli jżid l-isforzi tiegħu biex iħaffef l-iżvilupp sostenibbli. Il-Premjijiet għall-Azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta ġew stabbiliti biex jirrikonoxxu, jippromwovu, jiċċelebraw u jippremjaw individwi, organizzazzjonijiet volontarji, negozji, timijiet akkademiċi u istituzzjonijiet/entitajiet pubbliċi li qed ikunu fuq quddiem nett fl-innovazzjoni u l-prattiċi sostenibbli bil-għan li tiżdied is-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali.
Għal dan il-għan, il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jistieden u jinkoraġġixxi lil dawk kollha eliġibbli biex jaċċettaw l-isfida u l-opportunità li jgħinu jwasslu għal bidla sostenibbli.
Kriterji
Ġenerali tal-Eliġibbiltà
Għal dawk li jixtiequ jissottomettu nominazzjoni, wieħed għandu jinnota li japplikaw il-kriterji ġenerali t’hawn taħt. Japplikaw ukoll kriterji oħra skont il-kategorija li għaliha qed tiġi sottomessa n-nominazzjoni. Dawn il-kriterji addizzjonali huma disponibbli fuq il-paġna rispettiva ta’ kull premju.
- L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżit tal-parti interessata elenkat taħt il-kategorija rispettiva tal-premju.
- L-applikanti għandhom ikunu residenti f’Malta jew Għawdex.
- L-applikant/i għandhom ikunu adulti ta’ 18-il sena jew aktar. F’każijiet bħall-Premju ta’ Tmexxija għaż-Żgħażagħ, l-applikazzjonijiet għal applikanti taħt it-18-il sena għandhom jiġu sottomessi minn ġenitur jew kustodju.
- L-applikanti li huma kumpaniji privati u NGO/VOs għandhom ikunu rreġistrati f’Malta jew Għawdex mal-awtoritajiet kompetenti.
- L-applikanti jistgħu jissottomettu proġett, inizjattiva jew azzjoni speċifika waħda biss taħt wieħed mit-tmien premjijiet.
- L-applikanti għandhom jiżguraw li l-proġett/l-inizjattiva tkun konformi mal-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli, u li tiġġenera benefiċċji netti soċjali, ekonomiċi u ambjentali. Il-benefiċċji tal-proġett/l-inizjattiva għandhom jitgawdew fil-Gżejjer Maltin.
- Is-sottomissjonijiet kollha għandhom ikunu relatati ma’ proġetti jew inizjattivi li l-implimentazzjoni tagħhom bdiet fl-2024 jew wara. Proġetti li għalihom ix-xogħol preparatorju, bħall-iżvilupp tal-proposta, applikazzjonijiet għall-finanzjament, jew riċerka, beda qabel l-2024 xorta huma eliġibbli, sakemm l-implimentazzjoni attwali bdiet mill-2024 ’il quddiem. Proġetti li għadhom għaddejjin u li l-implimentazzjoni tagħhom bdiet qabel l-2024 ma jitqisux eliġibbli.
- Se jiġu kkunsidrati biss l-applikazzjonijiet sottomessi permezz tal-formola tal-applikazzjoni. Ma jiġux ikkunsidrati applikazzjonijiet mibgħuta bl-email jew b’xi metodu ieħor.
- L-Organizzazzjonijiet Volontarji għandhom jipprovdu ċ-ċertifikat ta’ konformità l-aktar riċenti tagħhom.
- L-applikanti ma jistgħux jissottomettu proġetti jew inizjattivi li kienu rebħu l-ewwel post f’edizzjonijiet preċedenti tal-Premjijiet għall-Azzjoni favur l-Iżvilupp Sostenibbli.
- Fejn applikabbli, huma permessi proġetti/inizjattivi appoġġjati permezz ta’ fondi nazzjonali, ewropej jew fondi oħra. Id-dettalji dwar il-finanzjament għandhom jiġu pprovduti fil-formola tal-applikazzjoni.
- Fejn applikabbli, il-proġetti/l-inizjattivi għandhom ikunu koperti bil-permessi regolatorji u/jew permessi oħra kollha meħtieġa, u għandhom jitwettqu f’konformità sħiħa mal-liġijiet u r-regolamenti kollha applikabbli. Il-Kumitat ta’ Evalwazzjoni għandu d-dritt iżomm jew jikkanċella kwalunkwe premju, jew jimponi termini u salvagwardji addizzjonali, jekk l-applikanti jonqsu milli jiksbu l-awtorizzazzjoni meħtieġa fi żmien raġonevoli kif deċżiż mill-Kumitat ta’ Evalwazzjoni.
- In-nuqqas li tiġi pprovduta kwalunkwe informazzjoni meħtieġa (inklużi kwalunkwe dettalji meħtieġa għall-ipproċessar tal-applikazzjoni jew għall-amministrazzjoni, il-verifika jew il-monitoraġġ sussegwenti), jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux preċiża, mhux kompluta u/jew qarrieqa, se tinvalida l-applikazzjoni u tista’ wkoll twassal għal skwalifika.
- L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi mhux aktar tard minn nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu 2026, f’nofsinhar.
- L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi bl-Ingliż jew bil-Malti.
Proċess
tal-Applikazzjoni
L-applikanti għandhom jissottomettu formola tal-applikazzjoni, aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tal-Iżvilupp Sostenibbli. Jekk jogħġbok ipprovdi kemm jista’ jkun dettall fil-Formola tal-Applikazzjoni dwar kif il-proġett/l-inizjattiva sottomessa ssodisfat il-kriterji msemmija fit-Taqsima tal-Proċess u l-Kriterji tal-Evalwazzjoni (li tinsab taħt kull premju).
Issottometti dokumenti ta’ sostenn bħala evidenza tal-proġett/l-inizjattiva bħala parti mill-Formola tal-Applikazzjoni. Id-dokumenti ta’ sostenn jistgħu jkunu fi kwalunkwe format sakemm jipprovdu evidenza ċara ta’ dak li qed jintqal b’mod konċiż. Meta tissottometti dokumenti ta’ sostenn, kun ċert li ssemmi l-fajl kif xieraq billi tinkludi n-numru tal-mistoqsija tal-formola tal-applikazzjoni (pereżempju Q1, Q2 eċċ…) li magħha huwa marbut id-dokument ta’ sostenn.
L-applikanti jingħataw ċans sa ħamest ijiem tax-xogħol wara d-data ta’ skadenza jew sa ħamest ijiem tax-xogħol mid-data tan-notifika, skont liema tkun l-aktar tard, biex jissottomettu kwalunkwe dokument żbaljat jew mhux komplut kif jista’ jiġi indikat mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli u/jew mill-Kumitat tal-Evalwazzjoni. Il-Kumitat tal-Evalwazzjoni jirriżerva d-dritt li jitlob dokumentazzjoni jew prova għall-verifika tal-informazzjoni mogħtija. Kull proġett għandu jkollu persuna ta’ kuntatt waħda, li d-dettalji tagħha jingħataw bħala parti mis-sottomissjoni.
Dokumentazzjoni
ta’ sostenn
- Dokumentazzjoni li turi b’mod ċar il-proġett/l-inizjattiva;
- Kwalunkwe data rilevanti;
- Kwalunkwe dikjarazzjoni finanzjarja, fejn rilevanti;
- Kopja tal-permessi kollha applikabbli, fejn rilevanti;
- Kwalunkwe dokumentazzjoni oħra li tista’ tkun rilevanti għall-proċess tal-applikazzjoni;
- Kopja tal-karta tal-identità tal-applikant;
- L-Organizzazzjonijiet Volontarji għandhom jipprovdu ċ-ċertifikat ta’ konformità l-aktar riċenti tagħhom; u
Skadenzi tal-
Applikazzjonijiet
L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi sal-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu 2026, f’nofsinhar. Kwalunkwe applikazzjoni sottomessa wara din id-data ma tiġix ikkunsidrata.
Nota: Il-kriterji tal-eliġibbiltà u l-proċess ta’ evalwazzjoni jistgħu jiġu riveduti mill-MEER u l-premjijiet mhux neċċessarjament jingħataw kull sena.
Proċess u Kriterji
tal-Evalwazzjoni
Is-sottomissjonijiet se jiġu evalwati minn bord ta’ assessuri tekniċi. L-evalwazzjoni ssir skont il-kriterji tal-ġudizzju elenkati taħt kull premju. Se jkun hemm żewġ rawnds ta’ evalwazzjoni. L-ewwel rawnd se jinkludi l-kriterji li jinsabu fuq il-paġna ta’ kull premju. It-tlett nominazzjonijiet bl-ogħla punti taħt kull premju mbagħad jiġu magħżula għal-lista finali. Wara dan, jittieħed vot pubbliku fuq in-nominazzjonijiet li ġew magħżula għal-lista finali.








