Young Artists, Big Impact
Young Artists
Expo
Il-Young Artists, Big Impact Children’s Art Expo hija inizjattiva nazzjonali li tistieden lit-tfal u liż-żgħażagħ jesploraw b’mod kreattiv l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet Strateġiċi ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli u jirriflettu dwar kif jistgħu jikkontribwixxu għal futur aktar sostenibbli għal Malta. L-Expo tipprovdi pjattaforma biex jinstemgħu l-ilħna taż-żgħażagħ, filwaqt li tħeġġeġ il-kreattività, l-espressjoni personali u l-għarfien dwar l-isfidi globali u lokali tas-sostenibbiltà.
Eliġibbiltà
L-Expo hija miftuħa għal tfal u żgħażagħ mir-raba’ sena sat-tmien sena madwar Malta u Għawdex. Il-parteċipanti għandhom juru x’ifissru l-SDGs għalihom (jew wieħed minnhom jew kollha) u/jew kif huma bħala individwi jistgħu jgħinu lil Malta tilħaq l-SDGs, skont ir-regoli u l-linji gwida tas-sottomissjoni.
- Se jiġu aċċettati biss applikazzjonijiet minn Malta u Għawdex.
- Tista’ tintuża kwalunkwe forma ta’ mixed media, 2D jew 3D biex jinħoloq id-disinn, minn pittura jew tpinġija sa skulturi, letteratura (jiġifieri poeżiji u stejjer qosra), ritratti u filmati (mhux itwal minn 3 minuti) – il-possibilitajiet huma miftuħa għall-parteċipant.
- Huma meħtieġa stampi/filmati/PDFs ta’ kwalità għolja għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet.
- Ipprovaw użaw materjali sostenibbli kemm jista’ jkun – użaw ukoll l-immaġinazzjoni tagħkom kemm tridu!
- Ġenitur/kustodju/għalliem irid jissottometti l-applikazzjoni f’isem il-parteċipant żagħżugħ. Is-sottomissjoni għandha tinkludi l-isem u l-età tat-tifel/tifla, l-iskola u s-sena, id-dettalji tal-ġenitur/kustodju/għalliem u l-indirizz elettroniku. Is-sottomissjoni tal-applikazzjoni titqies bħala permess biex kemm din kif ukoll isem it-tifel/tifla jintwerew fuq il-pjattaformi tal-midja soċjali tagħna u fil-Wirja.
- Kull tifel/tifla/żagħżugħ/żagħżugħa jista’/tista’ jissottometti applikazzjoni individwali waħda, filwaqt li kull klassi tista’ tissottometti proġett kollettiv wieħed tal-klassi.
Dettalji
tal-Applikazzjoni
Sottomissjonijiet li jinkludu tpinġijiet, pitturi u skulturi għandhom jitwasslu fil-forma oriġinali tagħhom fl-uffiċċji tal-MEEC (6, Triq Ħal Qormi, Santa Venera) lid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Sottomissjonijiet li jinkludu letteratura, ritratti u filmati għandhom jintbagħtu lil [email protected] bħala mp4 (filmati), jpeg/png (ritratti) jew pdf (letteratura), bis-suġġett tal-email “Submission: Young Artists, Big Impact”.
Skadenza: L-iskadenza għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet kollha hija fit-3pm tal-Ġimgħa 29 ta’ Mejju 2026.
Wirja
Is-sottomissjonijiet kollha aċċettati se jifformaw parti minn wirja nazzjonali tal-arti, li turi l-kreattività, l-ideat u l-perspettivi taż-żgħażagħ minn Malta u Għawdex.
Ix-xogħol artistiku magħżul għall-wirja huwa suġġett għal reviżjoni mid-Direttorat għall-Iżvilupp Sostenibbli. Id-deċiżjoni tad-Direttorat dwar ix-xogħlijiet li jintgħażlu għall-wiri hija finali.
Il-wirja ta’ din is-sena se ssir bejn is-7 u d-19 ta’ Lulju 2026 fil-MUŻA, il-Belt Valletta.























