Il-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri
L-Artikolu 8 tal-Att dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, Kap. 521 jistabbilixxi l-Gwardjan ta’ Ġenerazzjonijiet Futuri bl-għan li jiġi ssalvagwardjat l-iżvilupp sostenibbli interġenerazzjonali u intraġenerazzjonali f’Malta.
Wara l-emenda bl-Att Nru I tal-2019, il-kompożizzjoni tal-Kummissjoni ġiet emendata biex l-organizzazzjonijiet volontarji kollha jintgħarfu bħala kontribwenti għall-aġenda tal-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li jiġi żgurat ukoll ir-rikonoxximent dovut tad-dimensjoni ambjentali bħala t-tielet pilastru tal-iżvilupp sostenibbli.
X’inhu l-mandat tal-Gwardjan?
• Li jippromwovi ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli fit-tfassil ta’ politika, fil-leġiżlazzjoni u fil-prattiki nazzjonali;
• Li jiżviluppa network ta’ riċerka xjentifika li jista’ jikkontribwixxi b’mod pożittiv għas-sostenibbiltà tas-soċjetà;
• Li jiżviluppa awditi ta’ diversi oqsma jew setturi li jitqiesu bħala kontribwenti għall-iżvilupp sostenibbli;
• Li jipproponi għanijiet u azzjonijiet lill-entitajiet tal-gvern biex dawn jadottawhom sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli;
• Li jintegra l-kunċetti tal-iżvilupp sostenibbli fis-settur privat;
• Li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi fil-ħidma favur l-iżvilupp sostenibbli;
• Li jqis talbiet mill-pubbliku rigward kwistjonijiet relatati mal-politika li jistgħu jikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-iżvilupp sostenibbli;
• Li jitlob lil kwalunkwe entità tal-gvern biex tipprovdi data jew informazzjoni, jew tiġbor data jew informazzjoni, dwar kwalunkwe suġġett li jista’ jikkonċerna l-iżvilupp sostenibbli;
• Li jrawwem prinċipji u azzjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli fis-soċjetà Maltija;
• Li jimmira l-fokus tal-awtorità kompetenti biex jiġu ssalvagwardjati l-ġenerazzjonijiet futuri.
Minn xiex inhi magħmula l-Kummissjoni attwali?
• President maħtur mill-Prim Ministru;
• Persuna li għandha għarfien u esperjenza fis-settur tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, maħtura mill-Ministru;
• Individwi b’għarfien u esperjenza: (i) fil-kummerċ, fl-ekonomija u fl-industrija; (ii) fl-affarijiet soċjali u komunitarji; u (iii) fi kwistjonijiet ambjentali. Dawn jinħatru mill-Ministru wara konsultazzjonijiet mal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ta’ Malta.
Il-Kummissjoni attwali
Il-President
Dr Malcolm Paul Galea
Il-Membri
Ms Kirsten Cutajar Miller
Dr Ian Ellul
Ms Mariella Schembri
Mr Alan Pulis
Is-Segretarja
Dr Demi Agius